Il-Barumbara ta' Trapani
Dan il-bini monumentali jinsab fuq gżira żgħira li qiegħda quddiem il-port ta' Trapani.
Jekk l-oriġini ta' Trapani huma mitlufa fil-leġġenda, l-istess xorti messet lill-Barumbara.
Mhumiex ftit il-verżjonijiet li ħallewlna diversi awturi matul iz-żminijiet, u għalhekk ma nistgħux nagħtu interpretazzjoni waħda ta' dawn il-pariri kuntrastanti. Mela aħjar insemmu biss l-iżjed dati importanti li huma marbutin mal-istorja tagħha.
L-ewwel bini li nafu bih kien torri bil-fanal għall-baħħara mibnija, skond ċerti storici, 480 sena qabel Kristu minn Trapaniżi li kienu alleati tal-Kartaginizi fil-gwerra kontra l-Griegi Siċiljoti, biex tkun punt ta' riferiment għax-xwieni Kartaġiniżi.
Lejn is-sena 249 q.K., wara li rebħu l-battalja tal-gżejjer Egadi, waqgħet f'idejn ir-Rumani, li baqgħu hemm sal-invażjoni tal-Vandali. Il-bini li tkabbar fiż-żminijiet ta' wara m'ghandniex taghrif dokumentat dwaru, imma malajr tinduna li hu aktar reċenti meta tqabblu ma' dak antik.
Fl-1076 il-Konti Ruġġieru, meta rnexxielu jirbaħ Trapani, sewwa l-fortifikazzjonijiet u rkupra l-Barumbara.
Fl-1360 waslet mill-Katalonja r-Reġina Kostanza, mart Federiku Ventimiglia, li niżel fil-gżira u għażel li jgħix fil-Barumbara.
Fl-1480, meta sar re, Martinu I, irranġa l-bini kollu tal-Barumbara.
Fl-1607 Filippu III sar Re ta' Spanja u Sqallija u reġa' rranġa u żviluppa l-armamenti tal-Barumbara.
Fl-1671, fir-renju ta' Karlu II tal-Awstrja, ħdejn it-torri u l-ellissi nbniet il-batterija t'isfel faċċata tal-port.
Fl-1848 Trapani, li kienet ħadet sehem fir-ribelljoni tal-1820, kienet waħda mill-ewwel bliet ta' Sqallija li qamu kontra l-Borboni, u
fl-1849, peress li l-ħabsijiet tat-terraferma kienu mimlijin, il-patrijotti Trapaniżi ġew magħluqa fil-Barumbara, li saret ħabs.
Fl-1939 il-ħabsin ġew trasferiti post ieħor u l-Barumbara bdiet tintuża għad-difiża tal-port matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Meta spiċċat il-gwerra reġgħet saret ħabs.
Fl-1965 inbena l-ħabs il-ġdid ta' San Giuliano u l-ħabsin kollha ttieħdu hemm, u b'hekk il-Barumbara reġgħet saret dak il-post abbandunat u sieket li kien spiss id-destin tagħha.
Fl-1993 sar l-ewwel restawr biex tiġi kkonservata.
Fl-2002 twaqqfet l-Assoċjazzjoni "Ejja nsalvaw il-Barumbara".
Fl-2009 ġiet rikonoxxuta mill-FAI bħala post li għandu jiġi mħares.
Fl-2011 ġiet ammessa fid-dominju reġjonali.
PS La voce maltese "barumbara" deriva dal termine siciliano "palummara" < "palumbara" che significa colombaia.
Traduzione del Prof.Joseph M. Brincat